Somalu ta’ 28 sena illum ġie akkużat quddiem il-Maġistrat Dr. P. Coppini f’Għawdex, illi nhar it-3 ta’ Diċembru 2018, fiż-Żebbuġ Għawdex u iżjed tard fl-għassa tal-Pulizija tar-Rabat, Għawdex, attakka jew għamel reżistenza bi vjolenza u inġurja jew hedded erba’ uffiċjali tal-Pulizija, kif ukoll ma obdiex l-ordnijiet tagħhom. Ġie akkużat ukoll li rrifjuta li jagħti dettalji tiegħu jew ta dettalji foloz.
Is-Somalu ġie akkużat ukoll li darab b’oġġett iebes u sawwat terza persuna, kif ukoll li ġarr fuq il- persuna tiegħu strument li jaqta’ u bil-ponta mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, li kiser il-paċi pubblika b’għajjat, li kien fis-sakra, kif ukoll li sar reċidiv b’diversi sentenzi tal-Qorti.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.