Tork ta’ 40 sena minn Tas-Sliema tilef ħajtu wara li waqa’ fuq il-blat waqt li kien qed jaqbeż ġol-baħar f’bajja li tinsab fl-akkwati ta’ Tignè.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar qrib ix-xatt ta’ Tignè.
Immedjatament fuq il-post issejjaħ tim mediku mill-isptar Mater Dei flimkien ma’ ħaddiema tas-salvataġġ mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li bdew b’ħidma delikata sabiex jassistu lir-raġel f’post li kien pjuttost inaċċessibbli. Preżenti wkoll kien hemm membri mir-Red Cross jassistu lill-ħaddiema tal emerġenza.
Wara madwar nofs siegħa ta’ CPR fuq il-post ir-raġel tgħabba fuq dinghy tal-Protezzjoni Ċivili fejn ddaħħal mal-moll ta’ Ta Sliema fejn sab ambulanza tistenna biex tieħdu Mater Dei għall-kura.
Ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei, iżda sfortunatament, huwa ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Josette Demicoli ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.