Raġel ta’ 39 sena li joqgħod Birkirkara tilef ħajtu u raġel ieħor ta’ 40 sena li jgħix il-Ħamrun jinsab fil-periklu tal-mewt wara ħabta bejn erba’ vetturi f’San Ġiljan kmieni l-Ħamis filgħodu.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 00.10 fi Triq Dun Mikiel Anton Vassalli, meta karozza tat-tip Suzuki misjuqa minn Etjopjan ta’ 35 sena tilef il-kontroll tal-karozza u skidja. Mutur BMW li dak il-ħin kien qed jinstaq mill-vittma fl-istess direzzjoni ħabat ma’ din l-istess vettura. Il-mutur l-ieħor tat-tip Triumph li kien qed jinstaq mir-raġel ta’ 40 sena jidher li ħabat ma’ wara l-karozza wkoll.
Sirjan ta’ 24 sena li kien qed isuq karozza tat-tip Honda jidher li prova jevita l-ħabta, iżda ħabat ma’ barrikata fit-triq.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna, iżda l-vittma ta’ 39 sena ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. Ir-raġel ta’ 40 sena ttieħed l-isptar Mater Dei għall-kura fejn aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dwar dan l-inċident inħatret inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Victor Axiaq li ħatar bosta esperi biex jgħinuh. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.