Tork ta’ 49 sena li jgħix Tas-Sliema tilef ħajtu wara li waqa’ madwar tliet sulari ġo xaft waqt li kien qed jaħdem.
Il-każ seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-18:00 f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Testaferrata, kantuniera ma’ Triq Enrico Mizzi f’Ta’ Xbiex.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku biex jassistu u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa, iżda sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Astrid May Grima ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.