Spiridione Bartolo, Naxxari ta’ 62 sena tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ f’bir fir-residenza tiegħu fin-Naxxar.
Kien għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar li l-pulizija ġiet infurmata li hemm bżonn l-għajnuna f’dar fi Triq Santa Luċija.
Hemm hekk instab ir-raġel fil-bir li ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili li tellgħu l-katavru tiegħu mill-bir.
Fl-isqaq fejn tinsab ir-residenza tal-anzjan dehru wkoll għadd ta’ pulizija u esperti tal-Qorti fosthom it-tabib Dr. Mario Scerri.
Ġirien li tkellmu magħna u li kienu jafu sew lir-raġel esprimew id-dieqa tagħhom għall-mewta traġika ta’ Spiridione.
Filfatt nies fuq il-post qalu lil dan l-istazzjon li r-raġel mar biex jirranġa l-pompa tal-ilma wara li din aktarx beda jtajjarlu l-apparat elettriku tal-protezzjoni minħabba x-xita li għamlet fl-aħħar jiem.
Martu ħallietu jinnavika mal-pompa biswit il-bir li jidher li kien bla ħorża u hu mifhum li meta waslet lura d-dar bin-neputijiet mill-iskola ntebħet li żewġha waqa’ fil-bir.
Hawnhekk hija bdiet tgħajjat għall-ajjut.
Għad mhux magħruf x’wassal biex ir-raġel waqa’ fil-bir iżda awtopsja mistennija titfa’ aktar dawl dwar dan.
Intant l-istess nies li jafu sew lil vittma u għaddew tfulithom miegħu spjegaw kif ir-raġel kien ta’ sikwit imur jitħaddet u jieħu xi ħaġa ma ħbiebu fil-klabb tal-futbol tan-Naxxar Lions.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat tal-għassa Dr. Simone Grech.