12 -il persuni tilfu ħajjithom, wara li minn tal-inqas żewġ persuni daħlu jisparaw fi Knisja tal-Kopti fl-Eġittu.
Fost il-vittmi hemm 3 pulizija li daħlu għall-irġiel fil-Knisja tal-Kristjani fil-kapitali Kajr. Il-każ seħħ fil-Knisja ta’ San Mina.
Wieħed mill-persuni li daħal jispara nqatel. Huwa kien liebes ċinturin mimli splussiv.
Sadanittant raġel ieħor li attakka l-Knisja ta’ San Mina rnexxielu jaħrab.
S’issa għadu ħadd ma refa’ responsabbilità ta’ dan l-attakk iżda fil-passat il-Kristjani Kopti kienu fil-mira tal-Istat Iżlamiku.
Din is-sena, 43 persuna nqatlu wara splużjonijiet fi knejjes tal-Kopti f’Lixandra u Tanta waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm.