Raġel ta’ 49 minn Ħal Tarxien baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie mixli li hedded lis-sieħba tiegħu li se jaqtagħlha rasha.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Noel Bartolo, semgħet kif l-allegat inċident seħħ fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, fejn l-akkużat infexx f’rabja meta l-vittma waslet lura d-dar u semmiet persuna terza.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li l-akkużat allegatament waddab diversi għodod tal-kċina lill-mara, inkluża ashtray tal-metall.
Intqal ukoll li l-ġlieda tant eskalat li r-raġel allegatament qabad lill-mara u heddidha li se jaqtagħlha rasha.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, iżda ma ngħatax il-libertà kundizzjonata u baqa’ jinżamm arrestat.