Żebbuġi ta’ 50 sena qed jinżamm mill-Pulizija talli it-Tnejn filgħodu sawwat lis-sieħba tiegħu u kkawżalha ġrieħi gravi.
Dan apparti li kien irrappurtat ukoll li insultaha u heddidha, kiser l-ordni pubblika, seraq xi ċwievet u żamm uffiċċjal pubbliku milli jwettaq dmiru. Il-Qorti innutat ukoll li hu riċediv u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-akkużat wieġeb mhux ħati anke wara li kien ippreżentat dokument minn Mater Dei li jikkonferma l-ġrieħi tal-vittma. Dan filwaqt li intqal fil-Qorti li ġenituri foster tat-tliet itfal tal-koppja kienu preżenti waqt l-argument.
Iżda waqt l-interrogazzjoni, l-akkużat ammetta li ġieli kien sawwat lil martu waqt taħt effett tal-alkoħol, iżda din ħafritlu. Filwaqt li ordnat li dan jinżamm taħt arrest, il-Qorti talbet biex il-prosekuzzjoni tippreżenta l-provi kollha fis-smigħ li jmiss biex tkun tista tiddeċiedi l-futur tal-akkużat.