Raġel baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’21 serqa differenti minn siti ta’ kostruzzjoni u djar li għadhom vojta.
Il-Pulizija rnexxiela tasal għar-raġel ta’ 49 sena tard il-Ħadd filgħaxija, wara investigazzjoni bejn il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u uffiċjali mid-Distrett ta’ Tas-Sliema.
Huwa ġie arrestat fir-residenza tiegħu f’Birżebbuġa hekk kif il-Pulizija ċċirkondawh.
Fil-fatt mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li sa minn Novembru li għadda, ir-raġel allegatament seraq numru ta’ appliances ġodda, għodda u oġġetti oħra tad-djar.
Wara li saret tfittxija fil-garaxx tiegħu nstabu ħafna mill-oġġetti li ġew irrappurtati nieqsa li l-valur tagħhom jammonta għal ’il fuq minn €70,000.
Huwa tressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea LL.D, fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa nżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Saviour Baldacchino, Jonathan Ransley u Colin Sheldon.
Ritratti: CMRU