Gonzalo Noel Sanchez ta’ 38 sena minn Spanja nżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati li fil-31 ta’ Mejju, daħal f’ristorant f’San Ġiljan u beda ġlieda bil-fliexken tal-ħġieġ u sikkina.
Fil-Qorti nstema’ kif dakinhar li seħħ il-każ, l-imputat allegatament daħal fir-ristorant u beda jattakka lin-nies li kien hemm, fejn anki kisser flixkun tal-ħġieġ fuq ras raġel mill-Iżvizzera.
ONE News huwa nfurmat li l-Iżvizzeru bħalissa qiegħed f’pajjiżu minħabba l-feriti tiegħu.
Intqal ukoll kif meta waslu l-Pulizija fuq il-post tal-inċident, Sanchez kien miżmum mal-art minn żewġ persuni pajżana, u meta dawn ġew ordnati biex jeħilsuh, l-imputat xorta waħda kien aggressiv, tant li l-Pulizija kellhom bżonn jużaw it-taser.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn il-ħaddiema kellhom bżonn jagħtuh il-kalmanti għaliex baqa’ aggressiv.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-imputat kien qiegħed jieħu diversi mediċini marbuta mas-saħħa mentali, u dakinhar li seħħ il-każ, kien ħa l-mediċini, xorob u għamel użu minn droga oħra.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest. Għalhekk huwa nżamm taħt arrest u l-Prosekuzzjoni ġiet ordnata ttella’ x-xhieda tagħha mill-aktar fis possibbli.