Żagħżugħ ta’ 23 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’żewġ serqiet filwaqt li raġel ieħor ta’ 31 sena, li ġie arrestat maż-żagħżugħ, ittieħed l-isptar Mater Dei wara li talab dan għax ma kienx qed iħossu f’siktu.
Quddiem il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Marsaenne Farrugia, iż-żagħżugħ wieġeb li mhux ħati.
Iż-żewġt irġiel ġew arrestati wara li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ppuntaw lejhom bħala s-suspettati ewlenin wara żewġ serqiet.
L-ewwel serqa seħħet fis-7 ta’ Marzu, hekk kif għall-ħabta tal-ħamsa u kwart ta’ waranofsinhar, il-Pulizija daħlilha rapport li żewġ persuni mhux identifikati kienu wettqu serqa minn lukanda fi Triq Sant’Orsla fil-Belt Valletta.
Fid-9 ta’ Marzu, il-Pulizija ġiet infurmata li, matul il-lejl, kienet seħħet serqa minn ħanut fi Triq il-Merkanti, il-Belt.
Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li ż-żewġ serqiet allegatament wettquhom l-istess persuni.
Minn hemm bdiet it-tfittxija għalihom, u ġew arrestati lbieraħ filgħaxija f’residenza fil-Belt Valletta.
Ir-raġel l-ieħor mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.