Paschalino Cefai, ta’ tlieta u erbgħin sena miż-Żebbuġ Għawdex, baqa’ jinżamm arrestat wara li fil-Qorti ġie mixli li kellu fil-pusssess tiegħu d-droga kokaina. Huwa ġie mixli wkoll li attakka u ħebb għal żewġ uffiċjali tal-Pulizija, u li huwa riċediv.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużat ġie arrestat waqt spezzjonijiet fil-Marsa, fejn kien passiġġier f’karozza.
Il-karozza twaqqfet minħabba ħġieġ tinted, fejn instab ukoll li kellha l-liċenzja skaduta. Hawn il-Pulizija għamlu tfittxija fil-karozza u talbu lill-akkużat biex jibqa’ fiha, iżda minflok qabeż għal fuq is-seat tax-xufier u pprova jsuq il-vettura.
Quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana, il-Prosekuzzjoni spjegat li għalkemm l-akkużat irreżista l-arrest, huwa ġie arrestat, u minn tfittxija li saret fuqu nstabu erbatax-il gramma kokaina.
L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u saret talba għall-ħelsien mill-arrest.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti ordnat biex l-imputat jinżamm arrestat u talbet lill-Prosekuzzjoni biex tressaq ix-xhieda tagħha fis-seduti li jmiss.