Raġel ta’ 41 sena mill-Belt Valletta u li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li mess lill-impjegata tiegħu, li kellha 16-il sena.
Huwa kien akkużat ukoll li pprova jbusa fost oħrajn. L-allegat każ seħħ kmieni s-Sibt filgħodu. Huwa wieġeb mhux ħati.
L-ispetturi tal-Prosekuzzjoni Danika Vella u Daryl Borg flimkien ma’ Avukat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali pprosekwixxew.
L-Avukati tad-Difiża, Franco Debono, Marion Camilleri u Jose Herrera spjegaw kif ir-rapport mill-allegat vittma seħħ wara li ġiet ikkonfrontata mill-imputat dwar flus nieqsa mill-kaxxa li jinżammu l-flus ġewwa l-istabbiliment li kienet taħdem fih u li l-imputat huwa s-sid tiegħu. Għalhekk tennew li jista’ jkun il-każ li hemm element ta’ tpattija fil-konfront tal-imputat li għandu kondotta nadifa. Għalhekk id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest.
Madankollu, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba minħabba r-riskju li l-imputat jista’ jkellem lill-allegat vittma.
Minn naħa tagħha d-difiża saħqet li r-raġel għandu familja kif ukoll xogħol u wissew lill-Qorti fuq il-konsegwenza li wieħed jinżamm arrestat, speċjalment jekk l-imputat jinstab mhux ħati.
Wara li semgħet l-argumentazzjoni miż-żewġ partijiet il-Maġistrat ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u ordnat divjett fuq l-ismijiet tal-persuni involuti.