Raġel ta’ ħamsa u tletin sena mill-Imġarr inżamm arrestat wara li fil-Qorti wieġeb mhux ħati li stupra lil martu, li m’għadux jgħix magħha.
Ir-raġel ġie arrestat wara rapport li għamlet il-mara mat-Taqsima Kontra l-Vjolenza Domestika tal-Pulizija, li allegat li ġiet stuprata meta marret id-dar biex tiġbor xi affarijiet personali, wara li kienet diġà ftehmet ma’ żewġha li se tagħmel hekk.
Bħalissa, il-koppja għaddejja minn proċeduri ta’ separazzjoni.
Ir-raġel ġie akkużat li stupra lill-mara, li sfurzaha tagħmel atti ta’ natura sesswali, li żammha kontra l-volontà tagħha u li darabha ħafif.
Fil-Qorti ngħad li ċertu ġrieħi fuq il-mara kienu viżibbli meta marret tirrapporta lill-Pulizija.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni fid-dawl tan-natura serja tar-reat u anki għaliex għad iridu jixhdu numru ta’ xhieda.
Ġie rrimarkat ukoll ir-rekord kriminali tar-raġel.
Minkejja dan, id-Difiża argumentat li l-każ li għandu r-raġel imur lura għall-2011 u m’għandu x’jaqsam xejn mal-akkużi ta’ issa.
Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.