Raġel baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti, akkużat li kkorrompa żewġt ibniet li jiġu wlied il-mara tiegħu.
Il-Pulizija ġew mgħarrfa bil-każ mill-Aġenzija Appoġġ ilbieraħ, meta tfajla ta’ ħmistax-il sena allegat li t-tieni raġel ta’ ommha, messha b’mod indiċenti.
Ir-raġel, li huwa Sirjan ta’ erbgħin sena, tressaq il-Qorti taħt arrest u wieġeb mhux ħati li kkorrompa lit-tifla u lil oħtha ż-żgħira, li kkommetta atti ta’ natura sesswali kontra l-volontà tat-tfal u li wettaq dawn l-offiżi kontra persuni vulnerabbli taħt l-età ta’ ħmistax-il sena.
L-Ispettur Joseph Busuttil mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji, spjega fl-awla li mart l-akkużat għandha erbat itfal, li tlieta minnhom huma tal-ewwel żwieġ tagħha.
Fil-preżenza ta’ ħaddiema soċjali, it-tifla qalet li l-akkużat għamel avvanzi sesswali fil-konfront tagħha b’mod repetittiv u beda jmissha b’mod intimu.
Il-Pulizija tkellmu mal-aħwa tat-tfajla, b’waħda minnhom qalet li hi wkoll esperjenzat episodji simili.
It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda, fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u anki minħabba l-fatt li l-allegati vittmi għadhom iridu jixhdu.
Dan l-argument wassal lill-avukat tad-Difiża biex jisħaq li l-prattiċi preżenti għandhom bżonn jinbidlu biex ix-xhieda jixhdu mill-ewwel fil-każ, anki meta jitressaq għall-ewwel darba l-akkużat.
L-Ispettur Busuttil argumenta li hemm diversi kwistjonijiet prattiċi li jridu jiġu kkunsidrati biex dak li ssuġġerixxa l-avukat, jiġi implimentat.
Intant, f’dan il-każ, il-Maġistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest anki minħabba l-fatt li t-tfal għadhom taħt l-età u jgħixu fl-istess dar mal-akkużat.