Tyson Grech ta’ 26 sena mill-Isla ntbagħat sitt snin ħabs wara li l-Qorti sabitu ħati ta’ stupru fuq tfajla li kien fuq l-ewwel date magħha. Il-każ seħħ f’Awwissu ta’ sentejn ilu, u skont provi li tressqu quddiem il-Qorti jidher li l-vittma ta’ 19-il sena u Grech kienu ilhom madwar jumejn jikkomunikaw fuq il-mezzi soċjali.
Jidher ukoll li l-koppja spiċċat fid-dar ta’ Grech wara l-ħarġa, u l-għada t-tfajla qamet b’xi uġigħ. Fil-Qorti t-tfajla qalet li l-akkużat sforzaha tixrob l-inbid waqt il-ħarġa, tant li ma tiftakar xejn wara l-ħarġa għajr li qamet f’post mhux familjarji, liebsa biss ħwejjeġ ta’ taħt.
It-tfajla qalet ukoll li qalet lill-akkużat li ma riditx li jkollhom x’jaqsmu flimkien, żammha kontra r-rieda tagħha. Hawn Grech insista li fit-tliet darbiet li raqdu flimkien kellu l-kunsens tat-tfajla.
Il-Qorti nnotat li ġiet ippreżentata b’żewġ verżjonijiet opposti tal-każ, iżda ddeskriviet il-verżjoni tat-tfajla bħala ġenwina u konsistenti. Dan apparti wkoll li l-Qorti nnotat li t-tfajla kellha ġerħa fuq ġisimha li kienet kompatibbli mal-mod kif din qalet li żammha l-akkużat waqt l-istupru.
Grech ġie kkundannat sitt snin ħabs u multa ta’ €2,200. Il-Qorti ordnat ukoll li jiġu kkonfiskati depożitu ta’ €800 u garanzija personali ta’ €2,000 li grazzi għalihom kien inħeles minn kawża oħra. Hu kien ordnat ukoll iħallas mal-€2,482 fi spejjeż tal-Qorti.