Malti ta’ 46 sena minn San Pawl il-Baħar huwa r-raġel li dalgħodu nstab mejjet fi Triq il-Qawra, il-Qawra.
Fi stqarrija l-Pulizija qalet li għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ dalgħodu, ġiet infurmata x’aktarx hemm persuna ġewwa kafetterija, wara li daqq l-allarm ta’ ħanut.
Il-Pulizija tad-Distrett tal-Qawra marru immedjatament fuq il-post, fejn innutaw li fil-ħanut ma kien hemm ħadd, iżda l-bieb tal-ħġieġ kien imkisser u fuq barra kien hemm ħafna dmija.
Hawnhekk il-Pulizija bdiet l-investigazzjonijiet tagħha, fejn l-uffiċċjali segwew it-traċċi tad-demm fit-triq ta’ quddiem blokka t’appartamenti li tinstab faċċata fuq in-naħa l-oħra tal-istess triq.
F’taraġ ta’ semi-basement, il-Pulizija lemħu raġel wiċċu ‘l isfel f’għadira demm.
Minnufih intalbet l-assistenza ta’ tim mediku, li wasal ftit tal-ħin wara, iżda sfortunatament ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco li fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.