Persuna nqatlet u sitta ndarbu fi sparatura li seħħet fil-belt Franċiża ta’ Strasburgu. Il-Pulizija Franċiża qalet li l-qattiel ħarab minn fuq il-post.
Il-Ministru għall-Intern Franċiż ikkonferma li seħħ inċident serju fil-belt u ħeġġeġ lir-residenti biex ma joħorġux minn djarhom.
Hu mifhum li l-isparatura seħħet qrib suq tal-Milied f’misraħ ewlieni magħruf bl-isem ta’ Place Kleber.
L-uffiċjali tas-sigurtà għalqu ż-żona u waqqfu s-servizz tat-tramm.
Il-ġurnalist Franċiżi Bruno Poussard kiteb fuq Twitter li nstemgħu bosta tiri fit-triq tiegħu li tinsab fil-qalba tal-belt.
Emmanuel Foulon, uffiċjal tal-istampa għall-Parlament Ewropew kiteb li fiċ-ċentru kien hemm paniku kbir wara li nstemgħu t-tiri u li f’ħakka t’għajn it-toroq imtlew b’mijiet ta’ pulizija armati.
B’reazzjoni għal dan l-attakk, il-Prim Minsitru Joseph Muscat qal fuq Twitter li l-ħsibijiet tal-poplu Malti huma fin-nies kollha minn madwar l-Ewropa li jinsab fi Strasburgu.
Our thoughts are with the people from all over #Europe in #Strasbourg -JM @EmmanuelMacron
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) December 11, 2018