Ġermaniż ta’ 21 sena jista’ jgħoddha b’waħda wara li weħel fuq il-blat qrib id-dockyard tal-Palumbo.
Huwa tniżżel lura fil-baċir minn tim tas-salvataġġ tal-Protezzjoni Ċivili mill-istazzjon ta’ Kordin.
Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt, jidher li l-Ġermaniż huwa membru tal-ekwipaġġ ta’ bastiment navali li bħalissa jinsab sorġut fl-istess dockyard għal xi tiswijiet. Huwa niżel fuq il-blat wara lejl ta’ divertiment sabiex jieħu ritratti tal-veduti pittoreski tal-Port il-Kbir. Madankollu, meta ġie biex jitla’ l-fuq huwa weħel fuq il-blat u talab għall-għajnuna tal-Protezzjoni Ċivili.
Fuq il-post issejħet ukoll ambulanza b’tim mediku, madankollu l-ġuvni ma laħaq sofra l-ebda ġrieħi u rrifjuta li jmur l-isptar Mater Dei.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid.