Tard ilbieraħ filgħaxija, għall-ħabta tal-22.45, il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra innutaw raġel jaġixxi b’mod suspettuż fil-Pjazza ta’ Buġibba.
Ir-raġel li rriżulta li għandu 29 sena u huwa mill-Gambja, ġie mwaqqaf mill-Pulizija u waqt tfittxija li saritlu, instabu madwar 15-il borża mimlija b’sustanza suspettata kannabis, flimkien ma’ miżien diġitali u ammont ta’ flus kontanti.
Ir-raġel ġie arrestat u saret ukoll tfittxija ġewwa r-residenza tiegħu f’San Pawl il-Baħar stess, fejn instabu oġġetti oħra relatati mat-traffikar tad-droga.
Fl-imsemmija residenza, kien hemm raġel ieħor ta’ 28 sena ukoll mill-Gambja u waqt tfittxija fuq il-persuna tiegħu, instabet borża b’sustanza suspettata kannabis.
Iż-żewġ persuni qed jinżammu mill-Pulizija tal-Qawra għal iżjed stħarriġ.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Clarke LLD.