Raġel ta’ 44 sena residenti l-Imqabba weġġa’ serjament wara li nqabad bejn żewġ kontejners fil-Port Ħieles, f’Birżebbuġa.
ll-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ dalgħodu u fuq il-post assistew uffiċjali tal-Pulizija, membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku li ħa lill-vittma lejn l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Fi stqarrija, il-Malta Freeport qalet li l-inċident seħħ waqt li kien qed jittella’ kontejner abbord vapur.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li ħatar diversi esperti biex jassistuh.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.