Raġel ta’ erbgħin sena mill-Mosta li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ttella’ l-Qorti mixli li ta xebgħa lil martu b’apparat tal-elettriku quddiem it-tifel tagħhom li għandu seba’ snin.
Fil-Qorti ġie rrakkontat li r-raġel li jaħdem bħala electrician weġġa’ gravi lil martu u saħansitra kellha dbenġil f’wiċċha u għonqha fost oħrajn.
Huwa mifhum li l-inċident inqala’ għaliex ir-raġel qed jissuspetta li martu qiegħda teqlibielu.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li l-avukat tad-difiża Franco Debono talab għall-ħelsien mill-arrest fejn qal li r-raġel għandu fedina penali nadifa.
Il-Prosekuzzjoni sostniet li l-vjolenza qatt mhi ġustifikata irrispettivament ta’ x’seta’ ġara.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien iżda ordnatlu biex ma jkellimx lill-ibnu sakemm jixhed u ma jistax jaċċetta xogħol fil-lokalità tal-Mosta.
Hu nħeles fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ għoxrin elf ewro u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegat vittma.