Raġel, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ingħata l-libertà kkundizzjonata, wara li ammetta li ffastidja lill-eks sieħba tiegħu quddiem id-dar u l-post tax-xogħol tagħha.
Fil-Qorti ntqal li r-raġel, li għandu wieħed u erbgħin sena, beda jmur quddiem id-dar tal-eks sieħba tiegħu bosta drabi, u l-mara allegatament anki sabitu ma’ wiċċha quddiem il-post tax-xogħol.
Huwa ġie mixli b’għadd ta’ akkużi fosthom fastiju, li segwa bil-moħbi lill-eks sieħba tiegħu, għamel użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku u ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, sabet lir-raġel ħati u tagħtu l-libertà kkundizzjonata għal sena.
Huwa se jinżamm taħt ordni ta’ trażżin u trattament.