Liam Cassar ta’ 32 sena wieġeb mhux ħati li nhar l-24 ta’ Ġunju nstab fil-pussess tiegħu żewġ blokok ta’ droga kokaina.
Fl-awla quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ġie spjegat li l-pulizija kellhom informazzjoni kunfidenzjali li l-imputat kien se jkun involut f’deal li kienet tinvolvi d-droga.
Intqal li r-raġel ġie mwaqqaf fi Triq tal-Barrani għall-ħabta tas-6 ta’ filgħaxija mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga fejn fi tfittxija nstabet id-droga mgeżwra fil-boroż taż-żibel u f’kaxxa tal-kartun.
Fuq mistoqsija tad-difiża, il-prosekuzzjoni stqarret li l-imputat qal li ma kienx jaf li f’din il-kaxxa kien hemm id-droga, anzi stqarr mal-pulizija li kien jemmen li kellu basket flus.
Fir-rigward ta’ ħelsien mill-arrest, il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-fatt li l-każ jirrigwarda żewġ kilogrammi ta’ kokaina filwaqt li għad hemm terzi persuni li jridu jiġu investigati b’rabta ma’ dan il-każ.
L-avukati difensuri Franco Debono u Francesca Zarb sostnew li l-imputat għandu dritt għas-silenzju iżda dan iddeċieda li jikkopera bi sħiħ mal-pulizija filwaqt li sostnew li dwar dan il-każ hemm inkjesta maġisterjali sabiex tippreżerva l-provi ta’ dan il-każ.
Imbikkem u bil-qraba tiegħu warajh, l-imputat ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jirrapporta l-għassa kuljum u depożitu ta’ għaxart elef ewro u garanzija personali ta’ għoxrin elf ewro.
Il-Qorti laqgħet ukoll talba għall-iffriżar tal-assi tal-imputat.