Raġel li b’ordni tal-Qorti ismu ma jistax jixxandar, ammetta li f’żewġ okkażjonijiet differenti għamel użu minn apparat elettroniku biex jisraq minn banek tal-lottu ġewwa l-Qawra u Bugibba.
F’kull serqa huwa seraq aktar minn €2,300.
L-imputat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur George Frendo spjega kif l-akkużat mar minn jeddu l-għassa tal-Pulizija u ammetta li għamel żball. Huwa pprovda wkoll informazzjoni ta x’kien għamel.
L-imputat qal kif huwa lest jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni għaliex għandu problema tal-vizzju tal-logħob u wiegħed li jrodd lura l-ammont dovut lill-vittma.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Dr Monica Vella kkunsidrat li dan huwa każ partikolari għaliex l-akkużat mar minn jeddu l-għassa u ikkolabora b’mod sħiħ mal-uffiċjali tal-Pulizija.
Il-Qorti kkundannat lill-imputat sentejn ħabs sopiżi għal erba’ snin.
Hija poġġiet ukoll lill-imputat taħt programm ta’ rijabilitazzjoni ta’ tliet snin minħabba l-problema għall-vizzju tal-logħob.