Armel li tilef lil martu fi splużjoni f’garaxx fin-Naxxar għaxar snin ilu, se jingħata €312,280 f’kumpens li se jkunu mħallsa minn mart ir-raġel responsabbli minn din l-isplużjoni.
Ir-raġel, Peter Sammut, kien talab li jingħata kumpens lilu u liż-żewġ uliedu wara li l-isplużjoni qatlet lil martu, Sina, lura fl-2008.
L-isplużjoni seħħet fi Triq Ħal Dgħejf, in-Naxxar, wara li Paul Camilleri, il-ġar tar-raġel, kien qed jagħmel xogħol tan-nar fil-garaxx tiegħu. Huwa wkoll tilef ħajtu kawża tal-isplużjoni.
Mart u iben Camilleri kellhom jaffaċċjaw id-danni kollha li saru fil-konfront tiegħu, minħabba li diversi propjetajiet fil-viċinanzi sofrew ħsarat kbar. Fost dawn kien hemm il-każ ta’ Peter Sammut, li fl-isplużjoni tilef lil martu.
Jidher ukoll li mart u iben Paul Camilleri għamlu diversi lmenti fil-Qorti, fosthom li rrinunzjaw il-wirt, u allura ma setgħux ikunu mfittxija dwar il-każ. Maria Camilleri qalet li żewġha kien jagħmel xogħol ta’ mastrudaxxa fil-garaxx ta’ darhom, u li hu biss kellu ċ-ċavetta tal-garaxx. Hija baqgħet tinsisti li ma kinitx taf li kien hemm xi materjal perikoluż fil-garaxx.
Iżda l-Qorti qalet li l-ħsarat li sofrew id-djar l-oħra fit-triq kienu kollha riżultat ta’ ħażna illegali ta’ splussivi fil-garaxx tal-familja Camilleri, tant, li persuna tilfet ħajjitha meta kienet f’darha stess.
Ftit wara t-traġedja, mart u iben Paul Camilleri rrinunzjaw il-wirt, u l-Qorti nnutat li ibnu ma kellux ikun imfittex għad-danni. Iżda qalet li martu għandha tinżamm responsabbli minħabba li hija waħda mis-sidien tal-propjetà minn fejn seħħet it-traġedja, u allura, setgħet tagħmel tajjeb hi għad-danni li talab Sammut.
Il-Qorti ordnat li Maria Camilleri tħallas €175,000 għall-ħsarat li ġarrbet il-propjetà ta’ Peter Sammut. Innutat li mart Sammut, li kellha biss 35 sena u li kienet mara tad-dar, kellha valur ekonomiku f’għajnejn il-liġi, u għalhekk, din kellha tingħata €137,280.
B’kollox, Maria Camilleri għandha tħallas €312,280 f’danni lil Peter Sammut.