Raġel ta’ 61 sena mis-Swieqi ndarab gravi wara li waqa’ madwar żewġ sulari f’San Ġwann.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tat-tmienja nieqes kwart ta’ filgħaxija f’residenza fi Sqaq Tomna.
Mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li raġel ta’ 61 sena residenti s-Swieqi, kien waqa’ għoli ta’ madwar żewġ sulari f’shaft waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Tim mediku u l-membri tal-Protezzjoni Ċivili taw l-għajnuna u ambulanza ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.