Taljan ta’ 59 sena li jgħix il-Mellieħa jinsab f’qgħada gravi wara li kien involut f’ħabta ma’ vettura tal-Pulizija f’Ħal Qormi.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ kwarta ta’ filgħodu fi Triq San Edwardu, meta t-Taljan kien qed isuq mutur tal-għamla Honda CRF250RLA.
Is-Surġent u l-Kuntistabbli li kienu fil-vettura tas-servizz taw l-ewwel għajnuna lix-xufier tal-mutur u minnufih sejħu għall-assistenza medika.
Fuq il-post immedjatament issejħet ambulanza b’tim mediku li ħadet lit-Taljan l-Isptar Materu Dei għal aktar kura.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett għadhom għaddejjin.