Raġel ta’ 37 sena mill-Iklin qed isofri minn ġrieħi gravi wara li kien involut f’ħabta bejn żewġ karozzi l-Erbgħa filgħaxija.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-7:30pm fi Triq Louis Wettinger fil-Mellieħa meta BMW 640D misjuqa mill-vittma ħabtet ma’ BMW 120D misjuqa minn mara ta’ 26 sena mis-Swieqi.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lir-raġel l-isptar Mater Dei għall-kura.
Aktar tard ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.