Raġel ta’ 47 sena mill-Kalkara ndarab gravi f’inċident tat-traffiku.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn mutur Yamaha misjuq minn raġel ta’ 47 sena residenti l-Kalkara u Citroen Jumper misjuq minn raġel ta’ 27 sena residenti Ħal Qormi.
Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.