Raġel indarab gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Birkirkara.
Il-każ seħħ ilbieraħ, għall-ħabta tan-nofsiegħa fi Triq Fleur-De-Lys, Birkirkara.
Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-investigazzjonijiet preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Toyota Passo misjuqa minn raġel ta’ 29 residenti Birkirkara u Yamaha Virago misjuq minn raġel ta’ 36 sena residenti Ħal Qormi.
Tim mediku ta l-għajnuna u ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.