Mara ta’ 32 sena mill-Ħamrun ingħatat ordni ta’ probation ta’ 3 snin wara li ammettiet li tat xhieda falza f’każ li seħħ aktar kmieni dan ix-xahar.
Il-każ jinvolvi wkoll raġel ta’ 41 sena mill-Ġorġja li kien deher quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, iżda wara li dan kien ingħata l-ħelsien mill-arrest sar magħruf li kkorompa lill-mara biex tixhed falz quddiem il-Qorti Kriminali. Fl-istess ħin huwa ġie mixli mill-ġdid li bejn każ u ieħor huwa kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu.
Jidher li l-mara kienet arrestata mill-Pulizija wara li sar magħruf li ma qalitx il-verità fil-Qorti f’seduta fil-11 ta’ Lulju li għadda. Hija ammettiet l-akkużi miġjuba kontriha, bil-Maġistrat Ian Farrugia jwissiha li jekk tikser l-ordni ta’ probation hemm ċans li tispiċċa l-ħabs.
Ir-raġel mill-Ġorġja, li wkoll kien preżenti quddiem il-Maġistrat Farrugia, ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.