Raġel ta’ tnejn u erbgħin sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, għal darb’oħra qed jikkontesta l-estradizzjoni lejn l-Italja fuq allegazzjoni li ttraffika għaxar tunnellati ta’ raża tal-kannabis, wara li l-ewwel Mandat t’Arrest Ewropew li kien ħareġ mill-awtoritajiet Taljani ġie miċħud minn Maġistrat minħabba raġunijiet proċedurali.
Ir-raġel baqa’ jinżamm taħt arrest sakemm il-każ tiegħu jinstema’ f’seduta għada quddiem Maġistrat ieħor.
Waqt il-proċeduri tul il-jum tat-Tnejn, l-Ispettur Mark Galea spjega kif għalkemm isem l-akkużat fis-sistema tal-informazzjoni tax-Schengen baqgħet l-istess, din kellha rabta ma’ mandat ieħor li kien diġà ġie miċħud mill-Qrati.
Argumenta li l-awtoritajiet Taljani solvew l-iżbalji li ġew irrimarkati mill-Qorti Maltija u ħarġu mandat ieħor.
Wara li semgħet diversi argumenti b’rabta mat-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet il-ħelsien tiegħu f’dan l-istadju.
Wara li ntemmet is-seduta, qam argument jaħraq bejn l-avukati tad-Difiża u tal-Prosekuzzjoni, b’wieħed jgħajjat lejn l-ieħor li l-imputat se jorqod il-ħabs għalxejn.
Id-Difiża kkundannat lill-Prosekuzzjoni talli tathom l-evidenza kontra l-akkużat tletin minuta biss qabel tressaq il-Qorti.
Waqt il-proċeduri tul il-jum tat-Tnejn, l-Ispetturi Mark Galea u Omar Zammit spjegaw kif għalkemm isem l-akkużat fis-sistema tal-informazzjoni tax-Schengen baqgħet l-istess, din kellha rabta ma’ mandat ieħor li kien diġà ġie miċħud mill-Qrati.
Il-każ ikompli għada.