Raġel li qed jaffaċċja multa ta’ €10,000 talli kiser regoli relatati mal-Covid-19, fetaħ każ kostituzzjonali u allega li l-multa hija illegali.
Fl-10 ta’ Marzu li għadda Nicholas Gatt inqabad mid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali talli naqas milli jobdi ordni ta’ kwarantina.
Gatt ikkontesta l-multa u saħansitra deher quddiem Kummissarju tal-Ġustizzja f’Ġunju li għadda.
Il-Kummissarju tal-Ġusizzja kienet tat deċiżjoni li xejnet dak li qal Gatt fuq il-bażi li t-Tribunal kien qed jaġixxi fuq il-liġijiet li għaddew mill-Parlament.
Gatt dar fuq il-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha u qiegħed jargumenta li d-deċiżjoni li ngħatat mit-Tribunal kisret id-drittijiet fundamentali tiegħu.
Fit-talba tiegħu Gatt saqsa lill-Qorti biex tiddikjara dan l-artiklu tal-liġi bħala inkompatibbli u inkonsistenti mal-Kostituzzjoni ta’ Malta.