Raġel ta’ 55 sena minn San Ġwann jinsab fil-periklu tal-mewt wara li x’aktarx, qala’ numru ta’ daqqiet b’arma li taqta’.
Il-każ seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta 10.10p.m. f’boathouse fil-Bajja tal-Armier. Kienu Membri tal-Pulizija mid-Distrett tal-Mellieħa, l-ewwel li marru fuq il-post, hekk kif intalbu jirrikorru wara rapport li ndarbu xi nies waqt serqa. Hemmhekk, sabu membri tar-Rapid Intervention Unit jassistu lir-raġel, li nstab mal-art f’ammont sostanzjali ta’ demm.
Tim mediku ħa lill-vittma l-Isptar Mater Dei, fejn kien iċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika. Ittieħdet ukoll l-isptar mara t’34 sena mis-Swieqa, li allegatament, sfat vittma tal-istess inċident u ntrabtet mill-aggressuri. Hija kienet iċċertifikata li sofriet minn ġrieħi ħfief.
Għalkemm l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, minn stħarriġ preliminari rriżulta li allegatament, l-aggressuri kienu tlieta u mgħammda u serqu l-karozza tar-raġel, b’din tal-aħħar instabet aktar tard fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’inkjesta Maġisterjali. Id-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali u l-Pulizija tad-Distrett għaddejjin bl-investigazzjonijiet tagħhom.