Olandiż ta’ tnejn u erbgħin sena u Franċiża ta’ disgħa u għoxrin sena qed jingħataw l-kura fl-Isptar Mater Dei, u Serb ta’ sitta u għoxrin sena jinsab arrestat fid-Depot tal-Pulizija wara allegat serqa f’appartament.
Il-każ seħħ l-Erbgħa għall-ħabta ta’ nofshinar fi Triq Toni Bajada.
L-investigazzjonijiet mill-Pulizija wrew li s-Serb daħal fir-residenza tal-koppja u allegatament rabathom, talabhom jagħtuh xi flus u affarijiet oħra filwaqt li beda jheddidhom b’arma tan-nar kif ukoll allegatament ta’ daqqa ta’ sikkina lill-Olandiż.
Wara li seraq ammont ta’ flus u oġġetti oħra, huwa ħarab minn fuq il-post.
Il-Pulizija bdiet mill-ewwel bi tfittxija għall-aggressur u waqt li kienu fi Triq San Pawl, raw raġel jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat.
Għalhekk, avviċinawh u, malli nduna bil-Pulizija, huwa deher jaħbi basket ġo parapett.
Il-Pulizija kkonfermaw is-suspett li kellhom fih, waqqfuh, għamlulu tfittxija u, ġol-basket, instabet arma tan-nar, fost oġġetti oħra.
Minn iżjed stħarriġ, il-Pulizija stabbiliet li l-allegat aggressur kellu l-vettura tiegħu pparkjata fi Triq il-Parroċċa.
Fil-vettura, li kienet bla pjanċi tar-reġistrazzjoni, instabet sikkina, fost oġġetti oħra.
Is-Serb ittieħed il-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana għal aktar stħarriġ.
Tim mediku ta l-assistenza u ambulanza ħadet l-Isptar Mater Dei lir-raġel minħabba l-ġrieħi li sofra u l-mara minħabba li sofriet minn xokk.
Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat bi ġrieħi ħfief.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
Ritratt: PBS