Fis-siegħat bikrin tas-Sibt filgħodu raġel Taljan waqa f’xaft ta’ blokka ta’ appartamenti f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għal ħabta tal-04:10 ġo Triq l-Arżnell f’San Pawl il-Baħar fejn il-vittma li għandu 40 sena, għal xi raguni waqa’ għoli ta’ madwar sular biex spiċċa f’dan ix-xaft. Huwa instema għal diversi minuti jgħajjat għall-għajnuna.
Fuq il-post issejħu l-Pulizija flimkien ma’ ambulanza u membri tal-Protezzjoni Ċivili biex f’operazzjoni li damet madwar tliet kwarti, ir-raġel itella mix-xaft u ingħata l-ewwel għajnuna.
Sa issa l-kundizzjoni tieghu għada mhix magħrufa.
Sorsi fuq il-post li tkellmu ma one.com.mt qalu li r-raġel kien għadu kif wasal Malta għal vaganza u li kien qed joqgħod fl-istess blokka ta’ appartamenti fejn seħħ l-inċident. L-istess sorsi spjegaw kif minkejja li r-raġel dam jgħajjat tant li qamu diversi ġirien, sħabu li kienu miegħu għal xi raġuni ma semawhx.