Xabbatur Amerikan ta’ 31 sena sofra ġrieħi f’rasu wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular f’Wied Babu fiż-Żurrieq.
L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta u nofs tal-Ħadd waranofsinhar meta r-raġel kien ma’ sħabu jixxabbat mal-irdumijiet ta’ Wied Babu.
Minn informazzjoni miksuba fuq il-post irriżulta li r-raġel ir-raġel żelaq u waqa’ għoli ta’ sular waqt li kien qed jipprova jaqbad ħolqa tal-ħbula.
Huwa ngħata l-ewwel għajnuna mit-tim mediku tal-emerġenza ta’ Mater Dei u mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.
L-operazzjoni sabiex ir-raġel jinħareġ ħadet madwar siegħa hekk kif l-inċident seħħ fin-naħa ta’ ġewwa tal-wied.
Madankollu r-raġel ta’ 31 sena b’rasu nfaxxata deher ħiereġ mill-wied miexi waħdu mingħajr l-ebda assistenza.
Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza għal iktar kura.