Jason Attard ta’ sitta u erbgħin sena u Roderick Tabone ta’ erbgħa u tletin sena ittellgħu l-Qorti mixlija b’lista twila ta’ akkużi, fosthom serq u pussess aggravat ta kokaina.
Hawn Jason Attard ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li Roderick Tabone wieġeb mhux ħati.
Fil-Qorti nstema’ kif mis-sitta u għoxrin ta’ Marzu, l-akkużati allegatament bdew serje twila ta’ serq meta allegatament serqu minn stabbiliment tal-logħob.
Minn hawn bdiet l-investigazzjoni tal-Pulizija waqt li l-imputati allegatament wettqu aktar serqiet bi vjolenza.
Il-Pulizija identifikat lil Jason Attard bħala wieħed mis-suspettati u fit-tmienja ta’ April l-Pulizija ċċirkondaw karozza fejn sabu liż-żewġ imputati.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li allegatament kienu għadhom kif wettqu serqa fejn wara dan wieħed mill-imputati mar jilgħab il-flus u ieħor mar jixtri d-droga.
Wara tfittxija fil-karozza, l-Pulizija allegatament sabet sitt qratas kokaina u ammont żgħir ta’ flus kontanti.
Is-sentenza ta’ Jason Attard se tkun qed tingħata fil-jiem li ġejjin filwaqt li Roderick Tabone nżamm arrestat hekk kif id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.