Raġel ta’ 38 sena minn Ħal Qormi ammetta fil-Qorti li nhar it-Tnejn li għadda filgħaxija, kisser windscreen ta’ vann fil-Mellieħa.
Intqal li s-sid tal-vann hija mara iżda dakinhar tal-każ kien qiegħed jintuża minn żewġha. Il-Pulizija identifikaw lir-raġel minn fuq kameras tas-sigurtà. Ġie spjegat li aggressur ġie arrestat wara li b’mod volontarju, mar l-għassa.
Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana huwa ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Ir-raġel inħeles mill-arrest b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000. Huwa kien ordnat ukoll jiffirma l-għassa ta’ Ħal Qormi darbtejn fil-ġimgħa. Dan filwaqt li l-Maġistrat Caruana ħareġ ordni ta’ protezzjoni favur sid il-vann u żewġha.
Il-każ se jkompli jinstema’ fid-9 ta’ Mejju biex tiġi stabbilita l-ħsara li saret lill-vann.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Italo Mizzi waqt li għall-akkużat deher l-Avukat Matthew Xuereb.