Ġorġjan ta’ tmienja u tletin sena ngħata sentenza sospiża meta ammetta li ħebb għal membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
F’awla numru tlieta, l-ispettur tal-pulizija spjegat li r-raġel kien abbord titjira charter amministrata mill-Air Malta meta l-passiġġier Ġorġjan li kien fis-sakra, kien qed jiddisturba t-titjira u saħansitra kellu xi jgħid ma’ xi passiġġiera oħra.
Il-pulizija telgħu fuq l-ajruplan hekk kif it-titjira waslet Malta iżda numru ta’ nies urew ix-xewqa li l-pulizija ma tipproċedix kontrih.
Ġara li r-raġel meta niżel fil-mitjar Malti, beda jirvilla hekk kif ra membri tal-Forzi Armati u uffiċjali tas-sigurtà u għaldaqstant, dawn avviċinawh u l-Ġorġjan fajjar ponn bil-konsegwenza li laqat uffiċjal tas-sigurtà.
Ir-raġel ġie arrestat u ttella’ l-Qorti akkużat li ħebb għall-membri tal-Forzi Armati u li m’obdiex ordnijiet.
Il-Qorti kkundannat lir-raġel, li mistenni jitlaq minn pajjiżna fil-jiem li ġejjin, ingħata sitt xhur priġunerija sospiżi għal tmintax -il xahar u multa ta’ erbat elef ewro.