Raġel ta’ tmienja u għoxrin sena mill-Eritrea tressaq il-Qorti akkużat li wettaq atti ta’ natura sesswali fil-konfront ta’ żagħżugħa ta’ tmintax-il sena.
L-akkużat ilu jgħix Malta mill-elfejn u tlettax u jifhem sew bil-Malti.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-vittma marret tagħmel rapport l-għassa tal-Ħamrun flimkien ma’ ommha, l-għada li marret tixtri x’tixrob mill-ħanut tal-akkużat fil-Ħamrun u ħassitha ffastidjatha minnu.
Fil-fatt, il-vittma spjegat li l-imputat għannaqha minn wara u qabdilha sidirha.
Qalet li dakinhar stess ċemplilha u qalilha li qed jibża’ għax jekk isir jaf missierha, joqtlu.
L-Ispettur spjega kif waqt l-arrest, l-imputat deher iddispjaċut ħafna u kkoopera mal-Pulizija.
Fl-awla xehed ukoll kuġin tal-akkużat li ġie Malta miegħu u qal li l-imputat huwa raġel sew u ma jasalx jagħmel ħsara lil ħaddieħor.
L-akkużat wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma biex fl-ebda ċirkostanza ma jsir kuntatt mill-imputat mat-tfajla.
Jekk jikser xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet, ir-raġel jista’ jeħel multa sa massimu ta’ ħamest elef ewro.