Raġel ta’ disgħa u erbgħin sena li jgħix il-Furjana nħeles mill-arrest fuq xi kundizzjonijiet, wara li tressaq il-Qorti dalgħodu u ammetta li seraq b’seba’ mitt ewro laħam minn ġo ħanut tal-merċa.
Dawn is-serqiet seħħew fi tmien okkażjonijiet differenti f’perjodu ta’ tliet xhur.
Ir-raġel, ta’ nazzjonalità Albaniża, ammetta li seraq il-laħam u anki toaster minn ġo supermarket f’Ħal Balzan bejn Frar u s-Sibt li għadda, meta nqabad jisraq fil-fatt.
Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, l-Ispettur Ritienne Gauci spjegat li r-raġel inqabad jisraq minn kameras tas-sigurtà. Huwa ammetta li seraq il-laħam darba fi Frar u darba f’April, u sitt darbiet oħra f’Mejju.
Fil-Qorti ġie spjegat kif l-akkużat kien jaħbi l-laħam fil-basket tiegħu u ma jitfagħhomx fuq il-conveyor belt biex iħallas.
Huwa ammetta l-akkużi, u ħallas il-valur tal-ammonti li seraq lill-ħanut. Huwa kkopera wkoll mal-Pulizija u ammetta mal-ewwel ċans.
Il-Maġistrat laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sentejn.