Raġel ta’ 30 sena minn Bormla ingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm jingħata s-sentenza mill-Qorti wara li ammetta l-akkużi miġjuba kontrih b’rabta ma’ vjolenza domestika.
Ir-raġel, li ismu mhux qed jixxandar biex tiġi protetta l-identità tal-vittmi, ammetta li fost oħrajn, iffastidja lis-sieħba tiegħu u aggredixxa lill-missierha.
Huwa kien diġà taħt sentenza sospiża.
Fil-Qorti instema’ li r-raġel mar id-dar ta’ fejn tgħix il-mara, li hija wkoll omm uliedu, wara argument li beda bil-messaġġi bil-mobile. Huwa ta’ daqqiet ta’ sieq mal-bieb ta’ barra, u meta missier il-mara fetaħ il-bieb, ir-raġel ħebb għalih. Huwa anke pprova jattakka lill-uffiċjali tal-Pulizija li marru fuq il-post wara rapport.
Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni ma toġġezzjonax, imma talbet li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni għall-vittmi. Ir-raġel ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 fost kundizzjonijiet oħra.