Raġel li ġie arrestat bid-droga kokaina fiż-żarbun waqt li kien barra f’ħin li ma kellux ikun minħabba sentenza mogħtija mill-Qorti, reġa’ nħeles mill-arrest fid-dawl ta’ liġi ġdida dwar il-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.
Ryan Falzon minn Ħal Qormi tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella wara li twaqqaf f’roadblock mill-Forzi Armati ta’ Malta fl-Imsida aktar kmieni dan ix-xahar.
L-akkużat kien qed jikser il-kundizzjoni tal-ħin li kellu jkun barra mill-Qorti u nstab li kien qed iġorr ammont żgħir ta’ kokaina fiż-żarbun.
Fl-erbgħa ta’ Ġunju, il-Parlament għadda liġi li tħalli lill-Qorti libera biex tiddeċiedi hi dwar ir-revoka tal-libertà proviżorja f’dawn il-każijiet.
L-akkużat għandu fedina penali nadifa u ammetta li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fid-dawl ta’ dan l-iżvilupp leġiżlattiv.
Ir-raġel inħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ mitejn ewro u garanzija personali ta’ elf ewro, fost kundizzjonijiet oħra.
Il-Qorti wissietu dwar il-konsegwenzi jekk jerġa’ jikser il-kundizzjonijiet li fuqhom inħeles mill-arrest.