Raġel ta’ 45 sena wieġeb mhux ħati meta affaċċjat b’akkużi li kkorrompa lin-neputija tiegħu u li ssoġġettaha għal intimità fiżika.
Fil-Qorti ġie spjegat li minuri flimkien ma’ ommha, marru f’għassa jagħmlu rapport fil-konfront taz-ziju tal-minuri minħabba diskors ta’ natura sesswali li kien qalilha.
Fil-Qorti ngħad li l-minuri kellmuha l-Pulizija u jidher li kien hemm ukoll xi atti sesswali però mhux fuq it-tifla imma li rat it-tifla.
Id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba kienet oġġezzjonata mill-Prosekuzzjoni minħabba intralċ ta’ provi fid-dawl tal-fatt li għad iridu jixhdu minuri oħrajn.
Il-Prosekuzzjoni għamlitha ċara fil-Qorti li wara li jixhdu dawn ix-xhieda, mhux ser ikun hemm oġġezzjoni għall-ħelsien mill-arrest hekk kif il-ħelsien huwa r-regola u mhux l-eċċezzjoni.
Id-Difiża stqarret li l-kronoloġija tal-fatti huma kemmxejn differenti minn dak li qed jipproponi l-Avukat Ġenerali.
Intqal li bejn il-ġurnata li seħħ ir-reat u bejn il-jum fejn l-imputat kien arrestat, kien hemm ammont ta’ jiem.
Għalhekk id-Difiża saħqet li din hija l-akbar xhieda għaliex l-imputat għandu jingħata l-ħelsien hekk kif l-akkużat ilu jaf bl-akkużi fil-konfront tiegħu bejn wieħed u ieħor għal dawn l-aħħar ħmistax il-jum u xorta u m’avviċinax l-allegat vittma.
Hawnhekk l-avukat difensur sostna din il-biża’ ma treġix għaliex kieku l-Prosekuzzjoni kienet tieħu azzjoni qabel.
Wara li semgħet il-partijiet jitrattaw, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.