Raġel ta’ 31 sena mill-Mosta weġgħa gravi wara li qabeż sular sabiex jaċċessa l-gallarija ta’ dar f’Għajnsielem.
Il-każ seħħ illum għall-ħabta tal-ħamsa nieqes kwart ta’ dalgħodu fi Triq Ħamri, f’Għajnsielem Għawdex.
Fuq il-post marru l-pulizija li mill-ewwel investigazzjonijiet indika kif ir-raġel mill-Mosta qabeż madwar sular għoli sabiex jaċċessa l-gallarija tad-dar u weġgħa.
Fuq il-post mar tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u r-raġel ittieħed l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.