Barrani ta’ 29 sena, impjegat fit-Tarzna ta’ Palumbo weġġa’ gravi wara inċident deskritt pjuttost stramb li seħħ waqt li kien għadu għax-xogħol f’Bormla.
Dan l-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra u nofs ta’ filgħaxija.
Minn informazzjoni li għandu ONE News jirriżulta li r-raġel kien passiġġier f’vann tal-kumpanija ma’ raġel ieħor ta’ 38 sena, li jgħix Bormla, meta għal xi raġuni li għadha mhux magħrufa, il-vettura baqgħet dieħla b’impatt qawwi fi struttura tal-ħadid fuq in-naħa tal-passiġġier.
Il-vittma nqabdulu saqajh kawża tal-impatt u ma setax jiċċaqlaq, tant li kellhom jissejħu paramediċi u ħaddiema mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jinqala’ mit-tifrik.
ONE News hu informat li, kieku ma seħħx l-impatt mal-istruttura mdaqqsa tal-ħadid, l-inċident seta’ kellu konsegwenzi agħar.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.