Raġel ta’ 35 sena minn Ħal Kirkop ittieħed l-Isptar Mater Dei wara li tilef il-kontroll tal-karozza li kien qiegħed isuq. L-inċident seħħ ftit qabel l-erbgħa ta’ waranofsinhar fi triq ta’ bejn l-ajruport u Ħal Far.
Dan l-inċident seħħ meta s-sewwieq evita piz tal-ħadid, li waqa’ minn fuq trakk.
Fuq il-post marru minnufih il-Pulizija, flimkien ma’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li dawn tal-aħħar kellhom operazzjoni delikata biex ħarġu lir-raġel minn ġol-karozza.
Mar ukoll tim mediku, li ħa r-raġel l-isptar permezz ta’ ambulanza. Il-kundizzjoni tar-raġel għadha mhux magħrufa.
Fuq il-post kien hemm ukoll membri tat-Transport Malta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.