Raġel ta’ 62 sena li jgħix Birkirkara ndarab serjament wara li ntlaqat minn karozza dalgħodu f’Birkirkara.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sitta neqsin kwart, fi Triq Wignacourt kantuniera ma’ Triq Salvu Psaila, f’Birkirkara.
Fuq il-post marru l-Pulizija, li mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li r-raġel intlaqat minn karozza tat-tip Mazda Demio, li kienet qed tinstaq minn żagħżugħ ta’ dsatax-il sena li jgħix Birkirkara wkoll.
Fuq il-post ukoll mar tim mediku u ambulanza, li ħadet il-vittma l-Isptar Mater Dei.
Il-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.